Gwida

Abbażi tal-esperjenza fl-applikazzjoni prattika tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 (ir-"Regolament") matul dawn l-aħħar snin, l-Awtorità għall-Partiti Politiċi Ewropej u l-Fondazzjonijiet Politiċi Ewropej (l-"Awtorità") tagħmel ħilitha biex tipprovdi aċċess għal sett ta' elementi ta' gwida mhux eżawrjenti għall-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej. L-ebda gwida pprovduta mill-Awtorità ma taffettwa l-karattru direttament vinkolanti tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014. Barra minn hekk, tali gwida se tibqa' soġġetta għall-adattament hi hu tkompli tinbena l-esperjenza u/jew ikompli jinbidel il-qafas leġiżlattiv.


Forom ta' donazzjonijiet u kontribuzzjonijiet

· Pagamenti mhux tal-UE: Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ċċarat li l-partiti stabbiliti barra mill-UE ma jistgħux jitqiesu bħala partiti politiċi fis-sens tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 minħabba li mhumiex magħmula minn ċittadini tal-Unjoni (Sentenza tal-25 ta' Novembru 2020, ACRE vs Il-Parlament, kawża T-107/19), u għalhekk ma jistgħux jagħmlu kontribuzzjonijiet. Fl-Artikolu 20 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 hemm stabbilita projbizzjoni ta' donazzjonijiet riċevuti mingħand awtoritajiet pubbliċi, entitajiet privati jew mingħand individwi minn pajjiż terz.

· Għalhekk, il-pagamenti riċevuti mill-partiti politiċi Ewropej iridu jitħallsu lura immedjatament f'konformità mal-Artikolu 20(6) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, u fin-nuqqas ta' dan, is-sanzjoni prevista fl-Artikolu 27(2) b) (i) tar-Regolament ikollha tiġi kkunsidrata mill-Awtorità.

· Skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, id-definizzjoni ta' "donazzjoni" tinkludi mhux biss pagamenti diretti fi flus iżda wkoll pagamenti indiretti permezz ta' "kwalunkwe tranżazzjoni oħra li tikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku għall-partit politiku Ewropew [...] bl-eċċezzjoni ta' kontribuzzjonijiet mill-membri". Dan jista' jinkludi tranżazzjonijiet bejn partijiet terzi li jeħilsu lil partit politiku Ewropew jew lil fondazzjoni politika Ewropea minn pagamenti li altrimenti kienu jiġu pprovduti mill-partit politiku Ewropew jew mill-fondazzjoni politika Ewropea.

Donazzjonijiet – attribuzzjoni

  • Donazzjonijiet irrapportati lill-Awtorità fis-sens tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 u riċevuti mill-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej fis-sena N+1, jistgħu jiġu attribwiti minn dawn tal-aħħar għas-sena N biss f'ċirkostanzi speċifiċi ħafna.
  • Sabiex tali attribuzzjoni għas-sena N tiġi aċċettata mill-Awtorità, il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej jeħtiġilhom jipprovdu dokumentazzjoni li turi li d-donatur kien diġà impenja ruħu qabel is-sena N+1 li se jħallas id-donazzjoni inkwistjoni, u li kien hemm ftehim infurzabbli li d-donazzjoni se titħallas fis-sena N.
  • Tali dokumentazzjoni trid tintbagħat lill-Awtorità diġà fis-sena N, anke jekk il-pagament mid-donatur ikun għadu ma seħħx, eż. ftehim ta' donazzjoni jew kwalunkwe arranġament kuntrattwali sottostanti, impenn unilaterali, ordni ta' pagament, komunikazzjoni f'dan is-sens, pereżempju permezz ta' ittra u/jew email, fattura eċċ.

Donazzjonijiet uniċi

  • F'konformità mal-Artikolu 20(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom jirrappurtaw immedjatament lill-Awtorità d-"donazzjonijiet uniċi" li jaqbżu t-EUR 12 000.

  • L-Awtorità se tivvaluta każ każ jekk anki diversi pagamenti minn donatur uniċi jikkwalifikaw bħala "donazzjoni unika".

    • Dan jista' jkun il-każ, b'mod partikolari, meta jkun hemm ftehim preliminari mad-donatur, speċifikament għal donazzjoni unika, iżda l-pagament inqasam f'diversi partijiet.

    • Fil-każ ta' pagamenti spontanji separati mill-istess donatur, l-Awtorità normalment ma tqisx lil dawn il-pagamenti bħala "donazzjoni unika" li tirrikjedi notifika immedjata meta l-ammonti akkumulati jaqbżu t-EUR 12 000 (mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta' rappurtar regolari matul il-proċess tal-kontijiet annwali).

Donatur effettiv

  • Fil-valutazzjoni tal-legalità tad-donazzjonijiet fl-ambitu tal-Artikolu 20 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, l-Awtorità jeħtieġ li tivverifika u tiddetermina l-identità eżatta tad-donatur f'każ li jkunu involuti aktar minn persuna jew entità waħda fl-għoti ta' tali donazzjoni.

  • Dan jista' jkun il-każ, pereżempju, f'sitwazzjoni li fiha entità ġuridika fi ħdan grupp ta' kumpaniji tinsab f'kuntatt dirett mal-partit politiku Ewropew jew mal-fondazzjoni politika Ewropea relatat(a) mad-donazzjoni, filwaqt li entità oħra fi ħdan l-istess grupp ta' kumpaniji twettaq effettivament il-pagament rilevanti.

  • F'sitwazzjoni bħal din, l-Awtorità se tibbaża ruħha fuq il-kunċett tad-"donatur effettiv", jiġifieri tivvaluta l-oriġini effettiva tal-pagament fi ħdan il-grupp ta' kumpaniji kkonċernati. F'dan il-kuntest, l-Awtorità se tqis, fost oħrajn, il-fatturi segwenti:

    • liema entità kienet direttament involuta fil-ħolqien tal-bażi ġuridika għall-pagament (eż. innegozjat il-ftehim ta' sponsorizzazzjoni)?

    • din l-entità kellha d-dritt teżerċita d-diskrezzjoni tagħha rigward il-kontenut tal-ftehim u l-modalitajiet ta' pagament?

    • x'kienu r-rwol u r-responsabbiltà tal-entità l-oħra involuta? Aġixxiet biss ta' fornitur ta' servizzi ta' pagament jew kellha rwol ta' responsabbiltà fil-ftehim sottostanti?
  • Fi kwalunkwe każ, l-ebda persuna jew entità involuta fil-proċess ta' donazzjoni (sew jekk oriġinatur sew jekk pagatur) ma tista' tkun f'sitwazzjoni pprojbita mill-Artikolu 20(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014.

Rati skontati

  • F'konformità mal-Artikolu 2(7) u (8) tar-Regolament, il-forniment ta' oġġetti, servizzi (inkluż self) jew xogħlijiet bi prezz taħt il-valur tas-suq jikkostitwixxi donazzjoni jew, jekk ipprovdut minn membru rikonoxxut mir-Regolament bħala tali, kontribuzzjoni. Jekk u sa fejn dan ikun il-każ, japplikaw ir-regoli ta' notifika u limitazzjoni relatati ma' donazzjonijiet u kontribuzzjonijiet, kif stabbiliti b'mod partikolari fl-Artikolu 20 tar-Regolament.

  • Madankollu, mhux l-iskontijiet kollha jikkostitwixxu donazzjonijiet jew kontribuzzjonijiet skont it-tifsira tar-Regolament: f'dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġu vvalutati l-firxa u l-ambitu tal-iskont. B'mod aktar speċifiku, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-forniment ta' oġġetti, servizzi u xogħlijiet bi prezz skontat għandux jiġi kkwalifikat bħala donazzjoni jew kontribuzzjoni, għandu jiġi kkunsidrat:

    • či jekk l-iskont jibbenefikax lill-partit politiku Ewropew jew lill-fondazzjoni politika Ewropea b'mod speċifiku, jew li jagħtihom vantaġġ aktar minn oħrajn (li jkun indikattiv ta' donazzjoni jew kontribuzzjoni), għall-kuntrarju ta' benefiċċju bl-istess mod għal grupp ta' klijenti potenzjali definiti minn qabel abbażi ta' kriterji oġġettivi (pereżempju, skont mogħti lill-"NGOs" kollha) u, fi kwalunkwe każ,

    • jekk l-iskont jikkuntrastax mal-prinċipji tas-suq rikonoxxuti b'mod ġenerali (pereżempju, il-forniment ta' oġġett jew servizz taħt il-kost) (li jkun indikattiv ta' donazzjoni jew kontribuzzjoni).

Separazzjoni bejn partit politiku Ewropew u l-fondazzjoni politika Ewropea affiljata miegħu

  • Skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, jeħtieġ li tiġi żgurata separazzjoni bejn l-attivitajiet ta' ġestjonijiet ta' kuljum, l-istrutturi tat-tmexxija u l-kontijiet finanzjarji rispettivi ta' kull partit politiku Ewropew u l-fondazzjoni politika Ewropea affiljata.

  • Fir-rigward tal-istrutturi tat-tmexxija rispettivi, dan ifisser b'mod partikolari li l-korpi regolatorji taż-żewġ organizzazzjonijiet jeħtieġ li jibqgħu mhux biss formalment distinti, iżda wkoll strutturalment kapaċi li, fil-prattika, jieħdu deċiżjonijiet ta' governanza b'mod indipendenti minn xulxin.

    • Il-fatturi li għandhom jiġu vvalutati f'dan ir-rigward jinkludu l-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jinsabu fl-istatuti jew fid-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni taż-żewġ organizzazzjonijiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-ippeżar tad-drittijiet tal-vot tad-detentur ta' kariga fil-korpi tat-tmexxija taż-żewġ organizzazzjonijiet u kwalunkwe setgħa eżekuttiva mogħtija direttament lil dak id-detentur ta' kariga.

    • Konsegwentement, għandu jiġi eskluż li l-persuna inkwistjoni tista' timponi fuq waħda miż-żewġ organizzazzjonijiet, ex officio u mingħajr ma jkollha titlob maġġoranza f'korp tat-tmexxija ta' dik l-organizzazzjoni, deċiżjoni meħuda mill-organizzazzjoni l-oħra rispettiva jew f'isimha. Il-kompetenzi konkreti ta' sostituzzjoni mogħtija lill-kariga previsti għall-persuna jistgħu għalhekk ikunu ta' rilevanza addizzjonali.

    • Fir-rigward tal-attivitajiet ta' ġestjoni rispettivi ta' kuljum, mhijiex permessa l-identità sħiħa tal-persunal. F'każ ta' duplikazzjoni parzjali, l-Awtorità se tiskrutinizza jekk huwiex madankollu żgurat livell suffiċjenti ta' awtonomija operazzjonali taż-żewġ entitajiet.

Salvagwardji kontra l-indħil barrani

  • F'konformità mal-Artikolu 10(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikoli 2(1), 2(4), 3(1)(b) u 3(2)(e) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, għandhom isiru ċerti distinzjonijiet bejn iċ-ċittadini jew l-entitajiet tal-UE u mhux tal-UE fir-relazzjonijiet tagħhom mal-partiti politiċi Ewropej jew mal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej. Minbarra l-konsegwenzi għall-kontribuzzjonijiet u d-donazzjonijiet, hija meħtieġa kawtela fir-rigward ta' sa fejn tasal il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini jew l-entitajiet mhux tal-UE fl-istrutturi tat-tmexxija tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej.

  • B'mod partikolari, għandu jiġi żgurat li l-persuni li ma jkollhom l-ebda ċittadinanza tal-UE jew l-entitajiet mhux tal-UE ma jkunux jistgħu, individwalment jew kollettivament,

    • jimponu kors ta' azzjoni kontra, jew

    • inkella jimblokkaw, il-maġġoranza taċ-ċittadini tal-UE li jivvutaw jew tal-membri fil-korpi tat-tmexxija ta' partit politiku Ewropew jew ta' fondazzjoni politika Ewropea.