Gwida

Abbażi tal-esperjenza fl-applikazzjoni prattika tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 (ir-"Regolament") matul dawn l-aħħar snin, l-Awtorità għall-Partiti Politiċi Ewropej u l-Fondazzjonijiet Politiċi Ewropej (l-"Awtorità") tagħmel ħilitha biex tipprovdi aċċess għal sett ta' elementi ta' gwida mhux eżawrjenti għall-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej. L-ebda gwida pprovduta mill-Awtorità ma taffettwa l-karattru direttament vinkolanti tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014. Barra minn hekk, tali gwida se tibqa' soġġetta għall-adattament hi hu tkompli tinbena l-esperjenza u/jew ikompli jinbidel il-qafas leġiżlattiv.


· Jeżisti finanzjament indirett meta partit politiku nazzjonali jew kandidat jikseb vantaġġ finanzjarju, fost l-oħrajn billi jevita nefqa li kien ikollu jġarrab, anki jekk ma jkun hemm l-ebda trasferiment dirett ta' fondi" (MENL vs Il-Parlament, T-829/16; ADDE vs Il-Parlament, T-48/17).

· Sabiex tivvaluta jekk jeżistix finanzjament indirett, l-Awtorità tiddependi minn firxa ta' elementi, bħal elementi li jikkonċernaw il-kontenut tal-miżura ffinanzjata, kif ukoll elementi ġeografiċi u ta' żmien (ara MENL vs Il-Parlament, T-829/16; ADDE vs Il-Parlament, T-48/17).

· Sabiex tiġi ppruvata l-eżistenza ta' finanzjament indirett, huwa biżżejjed li wieħed jiddependi minn "korp ta' evidenza suffiċjentement konkret, preċiż u konsistenti" (ACRE vs Il-Parlament, T-107/19).

Avvenimenti konġunti

  • Avvenimenti konġunti bejn partiti politiċi Ewropej jew fondazzjonijiet politiċi Ewropej ma' sħab fil-livell nazzjonali mhumiex pprojbiti per se mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014. B'mod partikolari, il-komunikazzjoni mal-udjenza attivata minn sieħeb nazzjonali għall-finijiet tal-attivitajiet tal-partiti jew tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej tista' tkun mezz effettiv biex tinġibed l-attenzjoni għall-politika u l-kwistjonijiet ta' politika Ewropej. Minkejja dan, il-projbizzjonijiet ta' finanzjament stabbiliti fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 iridu jiġu rrispettati f'kull ħin.

  • F'każ ta' avveniment imwettaq b'mod konġunt minn partit politiku Ewropew ma' partit politiku ieħor, b'mod partikolari partit nazzjonali, sehem eċċessiv ta' finanzjament mill-partit politiku Ewropew ta' tali avveniment jista' jikkostitwixxi "finanzjament indirett" kif ipprojbit mill-Artikolu 22(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014.

  • F'każ ta' avveniment imwettaq b'mod konġunt minn fondazzjoni politika Ewropea ma' partit politiku jew ma' fondazzjoni oħra, sehem eċċessiv ta' finanzjament mill-fondazzjoni politika Ewropea ta' tali avveniment jista' jikkostitwixxi "finanzjament indirett" kif ipprojbit mill-Artikolu 22(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014.

  • Sabiex tiġi vvalutata l-eżistenza ta' finanzjament indirett possibbli ta' partit jew ta' fondazzjoni fil-livell nazzjonali skont din id-dispożizzjoni, għandhom jitqiesu għadd ta' fatturi, bħal b'mod partikolari:

    • viżibbiltà konsistenti tal-partit politiku Ewropew jew tal-fondazzjoni politika Ewropea;

    • il-livell ta' sjieda tal-avveniment mill-partit politiku Ewropew jew mill-fondazzjoni politika Ewropea meta mqabbel ma' dak tal-partit jew tal-fondazzjoni fil-livell nazzjonali. Fl-evalwazzjoni ta' dan tal-aħħar, il-kuntest globali tal-avveniment, il-kamp ta' applikazzjoni, il-kontenut, l-għanijiet, il-grupp(i) fil-mira, il-motivazzjoni, u l-valur potenzjali tal-avveniment għas-suċċess tal-partit nazzjonali fl-elezzjonijiet nazzjonali huma ta' rilevanza (ara wkoll MENL vs Il-Parlament, T-829/16, il paragrafu 83ff.);

    • is-sehem tal-kofinanzjament sostnut mill-partit politiku Ewropew jew mill-fondazzjoni politika Ewropea, li għandu juri korrelazzjoni realistika mal-involviment ġenerali tal-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea, meta mqabbel mal-involviment tal-partit nazzjonali fl-avveniment speċifiku (ara wkoll MENL vs Il-Parlament, T-829/16, il-paragrafu 89).