Structural aspects

Abbażi tal-esperjenza fl-applikazzjoni prattika tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 (ir-"Regolament") matul dawn l-aħħar snin, l-Awtorità għall-Partiti Politiċi Ewropej u l-Fondazzjonijiet Politiċi Ewropej (l-"Awtorità") tagħmel ħilitha biex tipprovdi aċċess għal sett ta' elementi ta' gwida mhux eżawrjenti għall-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej. L-ebda gwida pprovduta mill-Awtorità ma taffettwa l-karattru direttament vinkolanti tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014. Barra minn hekk, tali gwida se tibqa' soġġetta għall-adattament hi hu tkompli tinbena l-esperjenza u/jew ikompli jinbidel il-qafas leġiżlattiv.


Sħubija ġenwina

· Hija meħtieġa rabta ġenwina ta' sħubija mal-partiti jew l-organizzazzjonijiet membri. Teżisti rabta ġenwina ta' sħubija, fost l-oħrajn, jekk il-partiti jew l-organizzazzjonijiet membri jkollhom firxa sħiħa ta' drittijiet u obbligi, eż. dwar il-votazzjoni/il-parteċipazzjoni/l-aċċess għad-dokumenti.

· Barra minn hekk, rabta ġenwina ta' sħubija teħtieġ il-ħlas ta' miżata ta' sħubija xierqa. Sa meta titħallas tali miżata ta' sħubija, hija meħtieġa evidenza li l-partit jew l-organizzazzjoni membru jkunu ġenwinament u b'mod dimostrabbli pparteċipaw fl-attivitajiet tal-applikant għar-reġistrazzjoni.

· Sabiex tiġi aċċertata sħubija ġenwina fir-rigward tal-partiti politiċi Ewropej, l-Awtorità tista' wkoll tivverifika jekk hemmx inkonsistenza evidenti bejn il-programm politiku tal-applikant għar-reġistrazzjoni bħala partit politiku Ewropew u l-programm politiku ta' kwalunkwe wieħed mill-partiti membri tiegħu


Separazzjoni bejn partit politiku Ewropew u l-fondazzjoni politika Ewropea affiljata miegħu

  • Skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, jeħtieġ li tiġi żgurata separazzjoni bejn l-attivitajiet ta' ġestjonijiet ta' kuljum, l-istrutturi tat-tmexxija u l-kontijiet finanzjarji rispettivi ta' kull partit politiku Ewropew u l-fondazzjoni politika Ewropea affiljata.

  • Fir-rigward tal-istrutturi tat-tmexxija rispettivi, dan ifisser b'mod partikolari li l-korpi regolatorji taż-żewġ organizzazzjonijiet jeħtieġ li jibqgħu mhux biss formalment distinti, iżda wkoll strutturalment kapaċi li, fil-prattika, jieħdu deċiżjonijiet ta' governanza b'mod indipendenti minn xulxin.

    • Il-fatturi li għandhom jiġu vvalutati f'dan ir-rigward jinkludu l-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jinsabu fl-istatuti jew fid-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni taż-żewġ organizzazzjonijiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-ippeżar tad-drittijiet tal-vot tad-detentur ta' kariga fil-korpi tat-tmexxija taż-żewġ organizzazzjonijiet u kwalunkwe setgħa eżekuttiva mogħtija direttament lil dak id-detentur ta' kariga.

    • Konsegwentement, għandu jiġi eskluż li l-persuna inkwistjoni tista' timponi fuq waħda miż-żewġ organizzazzjonijiet, ex officio u mingħajr ma jkollha titlob maġġoranza f'korp tat-tmexxija ta' dik l-organizzazzjoni, deċiżjoni meħuda mill-organizzazzjoni l-oħra rispettiva jew f'isimha. Il-kompetenzi konkreti ta' sostituzzjoni mogħtija lill-kariga previsti għall-persuna jistgħu għalhekk ikunu ta' rilevanza addizzjonali.

    • Fir-rigward tal-attivitajiet ta' ġestjoni rispettivi ta' kuljum, mhijiex permessa l-identità sħiħa tal-persunal. F'każ ta' duplikazzjoni parzjali, l-Awtorità se tiskrutinizza jekk huwiex madankollu żgurat livell suffiċjenti ta' awtonomija operazzjonali taż-żewġ entitajiet.

Salvagwardji kontra l-indħil barrani

  • F'konformità mal-Artikolu 10(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikoli 2(1), 2(4), 3(1)(b) u 3(2)(e) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, għandhom isiru ċerti distinzjonijiet bejn iċ-ċittadini jew l-entitajiet tal-UE u mhux tal-UE fir-relazzjonijiet tagħhom mal-partiti politiċi Ewropej jew mal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej. Minbarra l-konsegwenzi għall-kontribuzzjonijiet u d-donazzjonijiet, hija meħtieġa kawtela fir-rigward ta' sa fejn tasal il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini jew l-entitajiet mhux tal-UE fl-istrutturi tat-tmexxija tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej.

  • B'mod partikolari, għandu jiġi żgurat li l-persuni li ma jkollhom l-ebda ċittadinanza tal-UE jew l-entitajiet mhux tal-UE ma jkunux jistgħu, individwalment jew kollettivament,

    • jimponu kors ta' azzjoni kontra, jew

    • inkella jimblokkaw, il-maġġoranza taċ-ċittadini tal-UE li jivvutaw jew tal-membri fil-korpi tat-tmexxija ta' partit politiku Ewropew jew ta' fondazzjoni politika Ewropea.